Read in English.
Il-persuna wara dik li tista’ titqies biss bħala scam li serqet flejjes ġmielhom mill-kaxxa ta’ Malta u ta’ bosta fornituri tas-servizzi li kienu maħsuba għal ċentru tad-dejta appoġġat mill-Enemalta u l-gvern, fil-jiem li għaddew għadu kif ġie arrestat fl-Indja u ġie miċħud il-ħelsien mill-arrest.
Fl-2020, The Shift kien żvela li filwaqt li l-gvern kien ħabbar investiment ta’ €5 miljun minn Streamcast li kien se joktor għal €75 miljun, xejn minn dan ma kien seħħ. Minflok, il-kumpanija kienet ħalliet warajha ħemel ta’ djun.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta ta’ dak iż-żmien, Frederick Azzopardi, kien sejjaħ dak il-ftehim bħala “bidu ta’ era ġdida ta’ tkabbir [għall-Enemalta u għal Streamcast].”
Fil-frattemp imbagħad f’Malta kienu nfetħu kumpaniji li dawru lira sew mill-ftehim, fosthom il-kumpanija issa magħluqa Nexia BT li sidien tagħha qed jaffaċċjaw akkużi kriminali fil-Qorti b’rabta mal-Panama Papers u mal-ftehim tat-tliet sptarijiet pubbliċi.
Harshawardhan Sabale kien il-promotur ta’ Streamcast Technologies, u bħalissa qed jiġi akkużat fl-Indja li qarraq b’kumpanija oħra għal $1.5 miljun. U dwar dan il-każ, hu ġie miċħud il-ħelsien mill-arrest.
Rappurtaġġi dwar dak li għaddej fil-qrati fl-Indja jidher li Sabale allegatament ħoloq indirizz tal-email falz ta’ bank fil-Mauritius, bagħat bosta emails minnu, u għadda dokumenti ffalsifikati ta’ banek differenti biex jipprovdi assigurazzjonijiet foloz.
Il-kumpanija li qed tilmenta hija Rolta Infotech Ltd, li kisbet ishma fil-kumpanija. Din stqarret li twasslet biex investiet $1.5 miljun fi Streamcast abbażi ta’ wegħdiet foloz.

Fil-frattemp, il-kumpanija sar jisimha Varanium Cloud Limited. Kemm il-kumpanija kif ukoll il-promotur u d-direttur maniġerjali tagħha, Sabale, ġew ipprojbiti milli joperaw fis-suq tat-titoli mir-regolatur finanzjarju SEBI.
Skont ordni tar-regolatur SEBI, il-kumpanija użat ħażin ir-rikavat tal-IPO (initial public offer) tagħha u użat tranżazzjonijiet dubjużi biex tpinġi stampa falza ta’ qagħda finanzjarja soda u ta’ prospetti promettenti ta’ tkabbir.
Huma kienu ppromwovew il-proġett ta’ Malta mal-azzjonisti.
Waqt laqgħa online mal-azzjonisti li saret fl-2023, meta l-affarijiet f’Malta kienu diġà sfaxxaw, Sabale indirizza t-tħassib tal-azzjonisti billi qalilhom li r-rappurtaġġi ġurnalistiċi f’Malta li kien qed jippubblika The Shift kienu lkoll eżerċizzju politiku, u tenna d-dikjarazzjonijiet tal-gvern dwar l-iskandli li kienet qed tiżvela din il-kamra tal-aħbarijiet.

X’ġara f’pajjiżna
B’ħafna xenxilli, lil Streamcast fl-2018 kienu sejħulha “kumpanija kbira internazzjonali” li kienet ġiet Malta biex tinvesti €75 miljun f’ċentru tad-dejta internazzjonali ġdid.
Din it-tħabbira tal-gvern, ippreżentata b’tant pompa bħas-soltu, ma kienet xejn għajr ftehim ma’ Indjan u soċji minn tiegħu li fil-verità ma kellhom l-ebda ċentru tad-dejta, l-ebda infrastruttura, l-ebda fondi u l-ebda esperjenza fil-qasam. Lanqas website essenzjali ma kellhom.
The Shift kien ippubblika rappurtaġġ li kixef kif l-eżerċizzju tad-due diligence li kienet wettqet il-Malta Enterprise kien diġà żvela dan kollu. Iżda l-ftehim magħhom kien sar xorta waħda.
L-Enemalta tathom il-binja għaċ-ċentru tad-dejta li Streamcast imbagħad kienet attrezzat. Madankollu, ir-riżultat kien munzelli ta’ djun u l-ebda dħul għall-poplu Malti.
Streamcast ħalliet warajha ħemel ta’ djun: jafu €500,000 lill-Enemalta f’renti b’lura, kontijiet tad-dawl u spejjeż oħrajn, filwaqt li jafu €300,000 oħra lill-Melita għall-konnessjonijiet tal-fibrottika li kienet installatilhom u għall-użu tal-internet. Saħansitra, il-kumpanija Streamcast lanqas għal kuntratt ma kienet dehret għal xiri ta’ proprjetà li kienet fuq konvenju b’valur ta’ €7 miljun.

Fil-frattemp, Nexia BT, li sidien tagħha jinsabu akkużati kriminalment fil-qorti b’rabta ma’ skandli oħrajn, kienu investew fil-ftehim. Il-kumpanija Capital Knight Ltd ta’ Nexia BT kienet kisbet ftit iżjed minn 400,000 sehem (għal $4.41) jew 0.22% tal-kumpanija azzjonista.
Imbagħad kienet faqqset kampanja promozzjonali mħallsa mill-poplu Malti li żiedet il-valur tal-ishma għall-gwadann tan-Nexia BT.
Il-kumpanija Maltija Capital Knight Ltd kienet xtrat ishma fil-kumpanija azzjonista Irlandiża ta’ Streamcast. Is-sidien tal-kumpanija Maltija huma s-sħab tan-Nexia BT, Brian Tonna, Karl Cini, Manuel Castagna u Oliver Said.

Is-suspettati tas-soltu kienu għenu fil-promozzjoni. L-eks ministru diżonorat Konrad Mizzi kien mar jagħmel żjara promozzjonali f’Mumbaj u kien attenda konferenza stampa tal-kumpanija.
Anki Michelle Muscat, mart l-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat, li ank’hu qed jiġi akkużat fil-qorti b’reati kriminali relatati mal-konċessjoni frawdulenti tat-tliet sptarijiet pubbliċi, għenet fil-promozzjoni tal-iscam billi attendiet serata estravaganti: it-tnedija tal-Malta India Film Awards.

Matul dan il-festival, Brian Tonna u Karl Cini, li wkoll qed jaffaċċjaw għadd ta’ akkużi kriminali fil-qorti, kienu għamlu diskors ta’ 30 minuta dwar l-inċentivi li toffri Malta.
Filwaqt li l-proġett ta’ Streamcast kien bużżieqa li nefħuha dawk involuti bil-fanfarunati biex idawru lira ġmielha, jidher li l-poplu Malti baqa’ b’xiber imnieħer.
Tags
#ċentru tad-dejta
#Enemalta
#Harshawardhan Sabale
#Indja
#Rolta Infotech Ltd
#Streamcast